Il-Pulizija arrestat Spanjol ta’ 32sena, wara li pprova jweġġa’ uffiċjali tal-Pulizija meta ssejħu fuq rapport ta’ ksur ta’ paċi pubblika.
Il-każ seħħ għal ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ dalgħodu x’ħin resident f’lukanda fi Triq Schreiber, San Ġiljan, ilmenta mill-istorbju li kien qiegħed jagħmel resident ieħor fl-istess lukanda.
Wara li l-Pulizija kellmuh, ir-raġel aċċetta li joħroġ mil-lukanda, iżda madwar sagħtejn wara, meta irritorna, ma tħalliex jidħol fil-lukanda mill-impjegati. Kien hawn li l-Ispanjol qaleb mutur li kien ipparkjat quddiem il-binja.
Mill-ġdid il-Pulizija ntalbu jassistu u malli rahom, huwa beda jinsulentahom u ħarab jiġri minn fuq il-post. Huwa nqabad fi Triq Gort, f’San Ġiljan iżda pprova jirreżisti l-arrest.
Allegatament huwa beda jagħti bis-sieq lill-Pulizija, beżqilhom, u kien se jigdem kuntistabbli, waqt li qatta’ parti mill-uniformi ta’ kuntistabbli ieħor.
Ir-raġel ittieħed l-Għassa ta’ San Ġiljan taħt arrest u minn tfittxija li saret fuqu nstab li kellu sustanza ta’ kulur aħdar suspettata droga. Huwa mistenni jitressaq il-Qorti l-Ħadd, bl-investigazzjonijiet jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.