Alvin Pullicino ta’ sitta u għoxrin sena, u Gavin Spagnol ta’ wieħed u għoxrin, it-tnejn minn Ħaż-Żabbar, qed jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti b’akkużi relatati mal-attentat ta’ ħruq ta’ mara u binha.
Il-każ seħħ l-Erbgħa filgħaxija f’Ħaż-Żabbar, meta Pullicino allegatament pprova jaħraq ħajja lil oħt l-eks maħbuba tiegħu; li fil-ħin li seħħ il-każ kienet fil-karozza tagħha flimkien ma’ binha t’għaxar snin.
Allegatament, iż-żagħżugħ waqaf ħdejn il-karozza tal-mara b’landa fjuwil, u beda jxerrdu fuq il-vettura.
Wara li rnexxielha toħroġ mill-karozza, ir-raġel resaq lejha b’katina u lighter fejn irnexxielu jdawwarha m’għonqha u pprova jqabbadha bin-nar.
L-akkużat ħarab minn fuq il-post wara li ntervjeniet terza persuna.
Ftit tal-ħin wara, ir-raġel kien arrestat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, li sabu wkoll vettura b’landa vojta fi triq il-Magħsar f’Ħaż-Żabbar.
Gavin Spagnol, iż-żagħżugħ l-ieħor li qed jinżamm arrestat, kien mixli li kien kompliċi f’dan l-attentat.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda fid-dawl li dan ma kienx l-ewwel każ irrapurtat bejn iż-żewġ familji; u għaldaqstant il-Qorti qalet li għalissa aħjar jekk jinżammu ġewwa.