Raġel ta’ 43 sena mit-Togo, li joqgħod Birżebbuġa qed jinżamm arrestat mill-Pulizija wara li pprova jaħrab minnha meta allegatament inqabad bid-droga.
Il-każ seħħ għall-ħabta tad-disgħa neqsin kwart, tal-Ġimgħa filgħaxija fl-inħawi ta’ Triq is-Sajjieda fil-Marsa.
Kien hawnhekk illi l-Pulizija mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit nnutaw żewġ persuni jaġixxu b’mod suspettuż. Malli l-pulizija avviċinawhom, wieħed mill-irġiel waddab borża tal-plastik f l-art u ħarbu f’direzzjonijiet differenti.
Wieħed mill-irġiel ġie arrestat fi Triq il-Marsa, fil-Marsa u ttieħed l-Għassa tal-Ħamrun.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li fil-borża tal-plastik kien hemm seba’ pakketti żgħar b’sustanza allegatament droga kannabis. Instab ukoll pakkett bi droga suspettata kokaina.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Floriana, waqt li għaddejja tfittxija għall-persuna l-oħra.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.