Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li ssoktaw b’suċċess l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ sensiela ta’ serq, magħrufa bħala ‘snatch and grab’ ta’ ġojjellerija minn fuq persuni fi stabbilimenti tad-divertiment.
Wara li f’Ġunju illi għadda ġew arrestati u kienu tressqu l-Qorti numru ta’ Taljani, fl-aħħar siegħat tressaq il-Qorti Taljan ieħor, ta’ 24 sena li jifforma parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata, li jwettaq snatch and grabs.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li r-raġel, flimkien mal-oħrajn, idur stabbilimenti tad-divertiment f’Ħaż-Żebbuġ, Ta’ Qali u San Ġiljan u waqt li jkunu fir-rassa, allegatament jaħtfu u jiġbdu ġiżirajjen minn fuq l-għonq tal-vittmi u jaħarbu qalb il-folla. Jidher li l-akkużat irnexxielu jaħrab minn Malta lejn l-Italja, fl-istess ħin li l-kompliċi kienu ġew arrestati.
B’kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u Taljani, inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew, bit-Taljan jiġi arrestat minnufih mall-wasla tiegħu fl-Italja, fejn fil-pussess tiegħu nstab saħansitra ammont ta’ ġojjellerija li kienu nsterqu.
Wara li ġie estradit lejn Malta, ir-raġel ta’ 24 sena illum tressaq il-Qorti, fejn ammetta għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. Huwa ġie kkundannat sentejn u nofs ħabs effettivi.