Il-pulizija Ġermaniża arrestat suspettat b’rabtiet Iżlamiċi wara li sar attakk b’bomba fuq ix-xarabank tat-team tal-football Borussia Dortmund.
Prosekuturi qalu wkoll li waħda mit-tliet splussivi użati fl-attakk li seħħ it-Tlieta filgħaxija kellhom strixxi tal-metall. Intqal ukoll li qed ikunu investigati żewġ ittri li fihom tintrefa r-responsabbiltà tal-attakk.
Il-prosekuturi qed jikkunsidraw l-isplużjonijiet bħala attakk terroristiku, iżda l-iskop tagħhom għadu ma kienx stabbiliet. Kelliema għal prosekutur tal-istat federali qalet li żewġ suspettati huma fiċ-ċentru tal-investigazzjoni.
L-appartamenti tat-tnejn li huma kienu mfittxija, u wieħed minnhom kien arrestat. Ingħad ukoll li tlett ittri bl-istess kitba nstabu viċin il-post fejn saru l-isplużjonijiet. Ittri li ndikaw li l-aggressur kellu rabtiet mal-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku.
Fihom hemm it-talba li jitneħħew l-ajruplani militari Ġermaniżi mis-Sirja u l-għeluq tal-bażi f’Rammstein. Dawn qed ikunu analizzati. Ittra oħra kienet ippublikata online, fejn fiha, gruppi estremisti xellugin wettqu l-attakk, iżda l-prosekutur tal-istat qed jemmen li din ma kinitx awtentika.