Raġel ta’ 34 sena mill-Ġorġja ġie arrestat mill-Pulizija wara investigazzjonijiet intensivi b’rabta ma’ serqiet li seħħew bejn Jannar u Frar minn diversi vetturi.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal li mill-investigazzjonijiet li saru, il-Pulizija rnexxielha tiddentifika l-persuna li allegatament wettqet dawn is-serqiet u ġie arrestat ilbieraħ filgħodu.
Jirriżulta li s-suspettat wettaq mill-inqas tmien serqiet fil-Qawra, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, il-Gżira u San Ġiljan.
Intqal li l-akkużat mistenni jitressaq il-Qorti għall-ħabta tal-10:30 ta’ dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello.