Il-prosekuturi ta’ New York ħarġu akkuża ta’ qtil fil-konfront ta’ Luigi Mangione li, allegatament spara u qatel lil Brian Thompson, Eżekuttiv ta’ UnitedHealth.
L-operazzjoni intensiva sabiex jinqabad is-suspettat laħqet il-qofol tagħha t-Tnejn bl-arrest tiegħu f’Pennsylvania biex ġew fi tmiemhom ħamest’ijiem ta’ tensjoni u tfittxija għall-qattiel.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, uffiċjali qalu li s-suspettat, identifikat bħala Luigi Mangione ta’ 26 sena, inqabad f’Altoona Pennsylvania wara li ntlemaħ f’ħanut tal-McDonalds minn klijent u impjegat u dehrilhom li kien jixbaħ lill-bniedem armat imfittex mill-pulizija.
Meta kien avviċinat minn żewġ uffiċjali tal-pulizija u ġie mistoqsi jekk riċentament kienx New York, Mangione beda jitriegħed u baqa’ sieket. Huwa kien bilqiegħda waħdu, liebes maskra u kellu laptop u backpack.
Fi tfittxija fil-backpack fl-għassa tal-pulizija, instabet pistola sewda magħrufa bħala ‘fantażma’ għax tkun immuntata minn partijiet differenti sabiex ma tkunx tista’ tiġi rintraċċata, u li kienet kompluta b’munizzjon u silencer. L-awtoritajiet ikkonfermaw li l-arma kif ukoll il-ħwejjeġ u l-maskra kienu simili għal dawk użati mill-qattiel.
Huwa tressaq fil-qorti ta’ Blair County it-Tnejn filgħaxija fejn ġie mixli b’pussess ta’ arma u falsifikazzjoni. Huwa ma weġibx għal dawn l-akkużi. Il-prosekuturi ta’ New York, minn naħa tagħhom xlewh bi qtil voluntarju u erba’ akkużi oħra relatati ma’ armi fejn issemmew ukoll identifikazzjoni falza u ammont sostanzjali ta’ flus kontanti li nstabu fuq Mangione. Huma wkoll talbu li jinżamm taħt arrest minħabba li kien hemm riskju kbir li jaħrab, talba li ġiet milqugħha. Is-suspettat kellu wkoll fil-pussesss tiegħu diversi apparat elettroniku li qed jiġi eżaminat mill-pulizija.
L-uffiċjali f’Pennsylvania waqt il-konferenza tal-aħbarijiet qalu li qed jaħdmu biex jiddeterminaw jekk Mangione kellux kompliċi miegħu u jekk kellux l-intenzjoni li joqtol persuni oħra. Hekk kif kien ilu ftit jiem f’Pennsylvania issa jridu jiddeterminaw fejn kien u x’għamel.
Mangione li hu ċittadin ta’ Maryland, kellu diversi identifikazzjonijiet foloz inkluża waħda ta’ New Jersey li ntużat biex raqad f’hostel ta’ Manhattan jiem qabel id-delitt. Il-pulizija sabu wkoll dokument miktub bl-idejn li kien jitkellem dwar il-motivazzjoni u l-mentalità tiegħu. Filwaqt li ma kienx hemm ismijiet speċifiċi, Mangione jidher li kellu sentimenti negattivi lejn il-korporazzjonijiet fl-Amerika.
Mangione ggradwa l-ewwel mill-klassi tiegħu fl-2016 qabel ma kiseb lawrija ta’ inġenerija doppja fl-2020 mill-Università ta’ Pennsylvania u l-aħħar indirizz magħruf tiegħu kien f’Honolulu.
Huwa allegatament, spara u qatel lil Brian Thompson kmieni tal-Erbgħa filgħodu quddiem lukanda ta’ Manhattan. Aktar tard il-kliem “deny, defend, depose” kienu instabu mnaqqxa fuq il-bullits użati.