Wieħed mill-barunijiet tad-droga ewlenin fid-dinja, Ismael El Mayo Zambada, li jmexxi l-cartel ta’ Sinaloa, fil-Messiku, ġie arrestat mill-Pulizija f’El Paso f’Texas, l-Istati Uniti.
Zambada, li għandu 76 sena, beda dan iċ-ċirku kriminali flimkien ma’ Joaquin El Chapo Guzman, li qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija fl-Istati Uniti.
Joaquin Guzman Lopez, li huwa iben Guzman, ukoll ġie arrestat ma’ Zambada, nhar il-Ħamis, skont id-Dipartiment tal-Ġustizzja, fl-Istati Uniti.
Fi Frar, Zambada ġie mixli bi traffikar tal-fentanyl – droga li hija aktar b’saħħitha mill-eroina, u li wasslet għall-kriżi, fl-Istati Uniti.
Fi stqarrija maħruġa mill-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, intqal li dawn iż-żewġ irġiel, imexxu waħda mill-iżjed ċrieki ta’ kriminalità vjolenti u b’saħħitha fid-dinja.
Intqal li din is-sustanza, hija l-aktar tip ta’ droga li twassal għall-mewt, u li se jsiru l-isforzi kollha, sabiex dawk involuti jinqabdu.
Dan il-cartel ta’ Sinaloa, huwa l-aktar cartel, li jqassam droga fl-Istati Uniti.
Il-kawża ewlenija tal-mewt, fl-etajiet ta’ bejn 18 u 45, fl-Istati Uniti, hija fil-fatt din is-sustanza.