Il-Pulizija Taljana arrestat wieħed mill-allegati mħuħ involuti fl-importazzjoni tad-droga kannabis f’Malta minn Sqallija permezz tal-katamaran.
Stqarrija tal-Guardia di Finanza ta’ Napli qalet li f’operazzjoni li nvolviet mal-mitejn uffiċjal ġew arrestati għoxrin persuna u kienet immirata fuq tliet familji sinonimi mal-importazzjoni u traffikar tad-droga fl-Ewropa.
F’din l-operazzjoni ġie arrestat ukoll Geremia Esposito, Naplitan ta’ 61 sena li fil-passat kellu rabtiet kummerċjali ma’ Malta fejn kien is-sid ta’ ristoranti fil-Waterfront tal-Birgu u f’Wied il-Għajn.
L-istqarrija tal-Pulizija Taljana spjegat li d-droga kienet toriġina mill-port ta’ Buonaventura fil-Kolumbja mbagħad minn hemm id-droga kienet qed tintbagħat lejn l-Italja u Spanja.
Id-droga li kienet titwassal Malta kienet tgħaddi minn Sqallija fejn imbagħad kienet titwassal Malta moħbija ġo vetturi fuq il-katamaran.
L-investigazzjoni wasslet sabiex ġie żvelat li esponent għoli tal-familja mafjuża magħrufa bħala l-Familja Genovese xtara kunsinja ta’ mitt kilo Marijuana li kienet twasslet ġewwa maħżen fi Sqallija.
Minn ġo dan il-maħżeni, d-droga kienet tgħaddi għand persuna magħrufa fil-grupp Cappello fejn imbagħad kien jikkordina ma’ Esposito sabiex id-droga titwassal fis-suq Malti. Fl-istess operazzjoni l-Pulizija Taljana waqqfet ukoll 40 kilo oħra ta’ droga li kienet intenzjonata għas-suq lokali.
Apparti d-droga, il-Pulizija kkonfiskat ukoll aktar minn mija u sittin elf ewro fi flus kontanti flimkien ma’ arma tan-nar u xi munizzjon.
Minn fost dawk arrestati, għaxra minnhom baqgħu jinżammu arrestati fi djarhom.