Kaptan Tuneżin ta’ disgħa u għoxrin sena ġie arrestat fuq suspetti li l-bastiment tas-sajd li kien qed isuq, kien involut f’sajd illegali fl-ibħra territorjali Maltin.
L-arrest sar wara li l-Pulizija tal-Għassa tal-Belt, uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura u suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, spezzjonaw il-bastiment tas-sajd Tuneżin li kien għadu kif trakka f’Xatt il-Barrieri.
Dalgħodu, il-bastiment ittieħed fil-Marsa Landing Facility u wara investigazzjonijiet mit-Taqsima tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Pulizija, irriżulta li l-bastiment ma kellux liċenzji biex jintuża għas-sajd fl-ibħra territorjali ta’ Malta.
Il-Kaptan ġie arrestat mill-Pulizija, filwaqt li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura kkonfiskaw madwar ħames mitt kilogramma ta’ ħut u tagħmir tas-sajd.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin b’akkużi relatati ma’ dan il-każ.