Żagħżugħ ta’ 22 sena minn Bormla qed jinżamm arrestat b’rabta ma’ pussess u traffikar tad-droga.
Wara ġimgħat ta’ osservazzjoni, ilbieraħ filgħaxija, il-Pulizija mill-Iskwadra tad-Droga u tar-Rapid Intervention Unit waqqfu vettura fi Triq il-Baċir f’Raħal Ġdid li kienet qed tinstaq miż-żagħżugħ.
Fi tfittxija li saret fil-vettura u fuq iż-żagħżugħ, instabu sustanzi suspettati droga eroina u kokaina lesti biex jiġu traffikati, u ammont ta’ flus kontanti.
Iż-żagħżugħ ġie arrestat u ttieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterajli, u r-raġel mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum waranofsinhar.