Raġel ta’ disgħa u għoxrin sena mill-Gżira ġie arrestat b’rabta ma’ allegat attentat ta’ qtil li seħħ kmieni dalgħodu fil-Gżira.
Il-każ seħħ fis-sebgħa ta’ filgħodu, meta daħlet telefonata għand il-Pulizija fl-Għassa ta’ Tas-Sliema mingħand raġel li qal li waqt li kien fl-appartament tiegħu fi Triq ix-Xatt fil-Gżira, xi ħadd daħal ġewwa bil-forza, beda jxerred il-petrol, ta n-nar u ħarab minn fuq il-post.
Huwa qal li flimkien ma’ mara li kienet miegħu fl-appartament, irnexxielhom jitfu n-nar.
Il-Pulizija tad-Distrett u tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u Omiċidju marru mill-ewwel fuq il-post fejn sabu lill-vittmi, li huma raġel ta’ sitta u tletin sena u mara ta’ erbgħin sena.
Ir-raġel kellu jittieħed għall-kura fl-Isptar Mater Dei għax sofra xi ħruq f’partijiet ta’ ġismu. Huwa sofra minn ġrieħi ħfief.
Mill-investigazzjonijiet li saru, fi ftit ħin, il-Pulizija rnexxielha tidentifika l-allegat aggressur fejn ġie arrestat fir-residenza tiegħu fi Triq l-Empire Stadium.
Waqt tfittxija fir-residenza fejn jgħix ir-raġel, il-Pulizija sabet ukoll ammont ta’ sustanza allegatament droga. Fost l-oħrajn kien hemm aktar minn nofs kilo sustanza suspettata kannabis, ammont ta’ pilloli suspettati ecstasy u oġġetti oħra suspettati li huma relatati mat-traffikar tad-droga.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.