Brendan Zammit ta’ 19-il sena dalgħodu tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Abigail Critien akkużat li saq vettura bla liċenzja u polza tal-assigurazzjoni, waqt li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu b’rabta mal-ħelsien mill-arrest dwar każ preċedenti.
Aktar kmieni, stqarrija tal-Pulizija qalet li hu twaqqaf ilbieraħ għall-ħabta tat-3:15 ta’ waranofsinhar waqt kontroll tat-traffiku ta’ rutina fi Triq is-Salib tal-Marsa, fil-Marsa, wara li bil-vettura Range Rover, li kien fiha, qabeż it-traffiku u dawwar fid-direzzjoni opposta wara li nnota l-preżenza tal-uffiċjali.
Hu ġie segwit u twaqqaf ftit wara. Mill-investigazzjonijiet li saru, irriżulta li ż-żagħżugħ kien qed jikser ir-regoli u l-kundizzjonijiet tal-Qorti. Ingħad li, fil-vettura miegħu, kien hemm ukoll żewġ minorenni ta’ 11 u 12-il sena.
Waqt li hu ġie arrestat, il-vettura nġabret bħala parti mill-investigazzjonijiet.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi bid-difiża ma tikkontestax l-arrest iżda ddikjarat li in vista tal-età żgħira tiegħu l-ħabs għandu jkun l-aħħar alternattiva. Huma talbu ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti peress li l-akkuża prinċipali hija waħda tat-traffiku iżda din it-talba ġiet miċħuda mill-Maġistrat u għalhekk l-imputat inżamm arrestat.