Olandiż ħati ta’ stupru u li qiegħed iħabbat wiċċu ma’ akkużi f’Malta ġie arrestat fil-Bulgarija dwar allegat attakk sesswali ieħor lejlet il-Milied.
Il-midja Olandiża u Bulgara qiegħda tirrapporta li Johan Stellingwerf ta’ 38 sena ġie arrestat f’Sofia dwar akkużi ta’ stupru ta’ mara ta’ tnejn u tletin sena fil-kapitali Bulgara wara li ltaqa’ magħha f’bar u ħadha d-dar tiegħu.
Allegatament huwa jidher li bagħbas ix-xarba tagħha, stupraha u remieha f’nofs ta’ triq.
Stellingwerf intbagħat il-ħabs fl-2007 wara li nstab ħati ta’ żewġ akkużi ta’ stupru u tliet attentati ta’ stupru wara li ġie ddeportat mill-Brażil fejn mar jistaħba.
Is-sentenza tiegħu tnaqqset fl-appell fl-2010 u huwa nħeles fl-2014.
Huwa kien ukoll issuspettat li wettaq bosta strupri f’Malta, fi Spanja u fil-Polonja.
Huwa ġie akkużat ukoll li stupra lill-ex sieħba tiegħu f’Malta fl-2013 u waqt li ċaħad l-akkużi kontrih, talab lill-Qorti biex titlob lill-pulizija tieħu passi kontriha dwar rapport u ġurament falz.