Il-bieraħ filgħaxija l-Pulizija arrestat raġel ta’ 33 sena mill-Ghana b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga sintetika u kannabis.
Il-Pulizija qalet li, għall-ħabta tal-5.45pm, ir-raġel deher qed jaġixxi b’mod suspettuż fi Ġnien Patri Feliċjan Bilocca. Malli ntebaħ li kien qed jiġi segwit mill-uffiċjali tal-Pulizija, ir-raġel ħarab minn fuq il-post iżda l-pulizija ġrew warajh u arrestawh.
Minn tfittxija li saret, irriżulta li r-raġel kellu diversi qratas b’sustanzi suspettati li huma droga sintetika u kannabis kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.
Huwa qed jinżamm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana sabiex jassisti fl-investigazzjonijiet u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.