Investigazzjonijiet mill-Pulizija b’rabta ma’ informazzjoni dwar allegat traffikar ta’ droga waslu għall-arrest ta’ raġel ta’ 31 sena residenti Ħal Qormi.
Għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ dalgħodu, ir-raġel intlemaħ fl-akwati tal-Marsa u minnufih il-pulizija ċċirkondawh. Minn tfittxija li saret fil-vettura tiegħu nstabu numru konsiderevoli ta’ pakketti bid-droga lesti biex jinbiegħu, kif ukoll tliet mobile phones.
Wara, il-pulizija għamlu wkoll tfittxija f’residenza tar-raġel f’Ħal Luqa fejn moħbija nstabu madwar żewġ kilos sustanza suspetta droga eroina u madwar nofs kilo sustanza suspettata kokaina, bil-valur fit-triq li kieku din id-droga inbiegħet kien ilaħħaq madwar €130,000.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Marse-Ann Farrugia ġiet infurmata u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq l-Qorti fil-jiem li ġejjin.