Jason Zammit ta’ 47 sena li jgħix Tal-Pietà nżamm arrestat wara li s-Sibt filgħodu tressaq il-Qorti akkużat b’pussess aggravat ta’ sustanza kokaina u eroina f’dar f’Tal-Pietà.
Fil-Qorti intqal li minn tfittxija li saret mill-Pulizija ġewwa d-dar tal-akkużat allegatament instabu bosta affarijiet relatati mal-allegat ipproċessar tad-droga u €30,000 fi flus kontanti.
Fi stqarrija ppubblikata mill-Pulizija, intqal kif l-imputat allegatament kellu madwar 100 gramma suspettata kokaina, madwar 60 gramma suspettata eroina u 500 milli litru methadone.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, għaliex għad hemm bosta persuna li għad iridu jixhdu.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.