Raġel ta’ 27 sena li joqgħod Bormla ġie arrestat wara operazzjoni konġunta bejn l-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, is-Special Intervention Unit (SIU) u l-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla.
F’din l-operazzjoni fuq skala kbira imferxa fuq tliet lokalitajiet, waslet għas-sejba ta’ aktar minn kilo ħaxixa tal-cannabis, maż-żewġ kili droga sintetika u ammont ta’ droga kokaina.
Wara diversi ġimgħat ta’ osservazzjoni mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fuq il-movumenti tar-raġel, bil-provi f’idejhom is-Sibt wara nofsinhar, skattat l-operazzjoni sabiex fl-istess ħin li jiġi arrestat ir-raġel, ikunu ċċirkondati erba’ postijiet li għandu l-istess persuna.
Kienu ftit wara s-sitta ta’ filgħaxija, meta l-Pulizija bdew isegwu minn distanza karozza tal-għamla Mitsubishi Shogun, bl-informazzjoni tal-Pulizija tkun li l-persuna li qiegħda ssuq x’aktarx hija armata b’arma tan-nar. Malli waslu f’Ħaż-Żabbar, ingħatat l-ordni sabiex il-karozza titwaqqaf u malli l-Pajero saqet lejn Triq il-Kottonera, f’Bormla, din ġiet iċċirkondata mill-Pulizija.
F’dan il-mument, is-sewwieq allegatament ipprova jaħrab bil-konsegwenza li ħabat f’żewġ karozzi tal-Pulizija. Kien hawn li l-Pulizija tal-SIU ħarġu lir-raġel minn ġo fiha u mmanettjawh. Saret tfittxija fil-karozza u fil-fatt il-Pulizija sabet arma tan-nar u machette, kif ukoll madwar €6,000 fi flus kontanti u anke sustanzi allegatament kokaina u droga sintetika.
Fl-istess waqt li sar l-arrest, il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, flimkien ma’ tal-SIU, iċċirkondaw żewġ residenzi f’Bormla, garaxx fil-Fgura u garaxx f’Wied il-Għajn.
Fil-preżenza tar-raġel arrestat, saret tfittxija f’dawn l-erba’ postijiet. Minnhom il-Pulizija elevat ammont konsiderevoli ta’ pakketti bid-droga cannabis, lesta għat-traffikar, oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, kif ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. Ġew elevati wkoll diversi armi tan-nar. Ġew ikkonfiskati ukoll vettura tal-għamla Toyota Vitz, Mercedes, Mitsubishi Shogun, żewġ BMW’s u erba’ muturi, kollha tar-raġel arrestat.
Kienu ftit wara s-sagħtejn ta’ filgħodu x’ħin intemmet l-operazzjoni.
Ir-raġel ta’ 27 sena qed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Furjana għal aktar stħarriġ. Dwar dan il-każ qed jgħinu lill-Pulizija tliet persuni oħra.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija ssokktaw matul il-jum tal-Ħadd, flimkien mal-inkjesta maġisterjali mmexxija mil-Maġistrat Audrey Demicoli, assistita minn diversi esperti li ħatret, sabiex tkun stabbilita l-kwantità tad-droga misjuba.
Credit: Taqsima Relazzjonijiet mal-Kuminità u l-Istampa, Korp tal-Pulizija (CMRU)