L-attur Amerikan Armie Hammer qed jiġi akkużat bi stupru li allegatament seħħ f’April tal-2017 fuq mara minn Los Angeles.
Il-mara li llum għandha 24 sena u qed tiġi identifikata bl-isem ta’ Effie qed tallega li hija ltaqgħet l-ewwel darba ma’ Hammer fuq Facebook lura fl-2016 u tenniet li kienet saret tħobbu.
Kompliet tallega li hekk kif ir-relazzjoni bejniethom kompliet tiżvolġi Hammer allegatament kien juża’ tattiċi sabiex jimmanipulaha u jieħu kontroll fuqha.
Allegat li huwa kien stupraha għal aktar minn 4 sigħat u saħansitra sabbtilha rasha mal-ħajt meta ppruvat twaqqfu tant li ħasbet li ser joqtolha.
Żiedet tallega li huwa kien jabbużaha mentalment, emozzjonalment u sesswalment.
Hammer li għandu 34 sena ċaħad dawn l-akkużi, bl-avukat tiegħu saħaq li dawn l-akkużi huma ta’ offiża għal Hammer.