Il-Milied hu ferm għall-qalb il-koppja Bondin mill-Qrendi. Kien proprju Frans Bondin li laqgħana f’daru, fejn, f’dik li kienet il-kamra tat-tfal, irrakkontalna b’entużjazmu li jżommha armata b’tal-Milied matul is-sena kollha.
F’din il-kamra għandu armat in-Nattività fuq stil Naplinat, biswit presepju mogħni b’għadd ta’ pasturi li, bħala statura, huma d-daqs ta’ ċenteżmu. Ma jonqsux għadd ta’ Bambini b’qisien differenti u presepju ċkejken magħmul b’reqqa bis-sulfarini.
Għandhom ukoll presepji mdendlin mal-ħajt bħala nkwadri u dawn it-tliet biċċiet xogħol t’artiġġjanat magħmula mill-karti, li ħafna minnhom huma xogħol il-ħbieb tiegħu, Austin Galea u Jesmond Micallef, huma l-mimmi t’għajnejhom.
Jolqot l-għajn, hu dan il-Bambin tax-xemgħa li Frans kien sabu mormi f’miżbla, li kien ġabru u ħa ħsieb li jduru u jirrestawrah. Dan hu Bambin ieħor li jmur lura fi snin mhux ħażin, li akkwistah ftit ilu, minn xi persuna mill-Belt Valletta, li dlonk mar jiġri għalih.
Bondin jgħożż ħafna presepju fil-fuħħar li ġabu minn Greccio, fl-Italja. Għandu wkoll xbiehat maħduma fl-injam, jirrappreżentaw lil Ġużeppi u lil Marija jaħarbu lil Erodi mill-Eġittu.
Fuq il-fireplace ma jonqsux xbiehat tal-Father Christmas, il-pitiross fuq il-kaxxa tal-posta u tlellix tax-xemgħat iteptpu għall-akbar aħbar fid-dinja f’tarf il-kuridur.
Saħansitra anke fil-kamra tas-sodda matrimonjali ssib is-sens tal-Milied, permezz tal-inkwadri tal-presepji.
Iċċaqlaqna u dħalna fil-kamra tal-pranzu fejn jiddominaha, wieħed isib l-użanza tal-purċissjoni bil-Bambin li San Ġorġ Preca kien daħħal bħala drawwa fl-1921, permezz tas-socjetà tal-MUSEUM, li kien waqqaf.
U din hi knisja li qisha mħejjija, b’kollox ippreparat, għall-quddiesa ta’ nofs il-lejl, bit-tradizzjoni tas-Siġra tal-Milied, bil-ferrovija mgħobbija bir-rigali u bl-istilla tal-Milied tħabbar il-miġja tal-Messija.
Maġenb il-presepju mdaqqas, li jieħu il-biċċa l-kbira tas-salott, li wkoll armat matul is-sena kollha, Frans Bondin irrakkontalna minn fejn nibtet l-imħabba kbira tiegħu lejn il-Milied.
“Jien minn meta kont zgħir kont inħobb il-Milied, kont immur il-Mużew nagħmel xi presepju u dejjem bqajt nikber f’dak l-ambjent tal-Milied is-sena kollha. Għandi kamra tat-tfal armata s-sena kollha u għandi presepju li nħallih is-sena kollha. Ili għal bosta snin, imma għal dawn l-aħħar tletin sena żidt fl-affarijiet u qed nipprova nrawwem lin-neputi biex, meta niġi nieqes jiena, ikompli hu warajja.”
Bil-villaġġ tal-Milied bil-borra nieżla, imżejjen b’ħafna Siġar tal-Milied, Frans Bondin u martu saħqu magħna li jħossu li r-raġuni ewlenija ta’ din il-festa, bla dubju ta’ xejn, għandha tkun mhux biss it-tiżjin u x-xinxilli, imma l-preżenza b’mod ewlenija ta’ Ġesù Bambin fi djarna, imma fuq kollox f’qalbna lkoll.