F’Jum San Ġużepp, humabosta li jerħula lejn ir-Rabat biex flimkien mar-Rabtin igawdu l-atmosfera ta’ festa tradizzjonali Maltija fl-istaġun tax-xitwa.
L-armar li jżejjen it-toroq Rabtin għandu storja li tmur lura għexieren ta’ snin. Jispikka l-aktar l-ark trijonfali li jilqa’ u jpaxxi l-għajN b’xogħol artistiku fuq stil barokk.
ONE news tkellem mar-riċerkatur, Loreto Dalli, li qasam magħna l-istorja dwar l-ark u armar ieħor li jeħodna lura sa kważi mija u ħamsa u sebgħin sena ilu. Spikka l-aktar l-ark li jħoll u jorbot l-armar partikolari ta’ Triq San Pawl.
“Peress li hawnhekk ma jistax isir ark tal-ġebel bħalma għandna Ħaż-Żebbuġ, Ħaż-Żabbar u bnadi oħra, hawnhekk huwa tal-injam. Issa hawn arkijiet oħra; Floriana hemm ieħor, ġewwa San Pawl fir-Rabat stess hemm ieħor. Biss dan bilfors trid tgħaddi minn taħtu”
L-oriġini tiegħu tmur lura għas-sena elf tmien mija u erbgħa u erbgħin. Għandu storja twila, fosthom ġrajja sfortunata. FL-elf disa’ mija u disgħa u għoxrin, tlett ijiem qabel il-festa ta’ San Ġużepp, xufier fis-sakra spiċċa tilef il-kontrol tal-karozza u baqa’ dieħel fl-ark. Għamel ħsarat kbar, iżda r-Rabtin kellhom persistenza li għal jum il-festa jkollhom l-ark irranġat.
“Riedu li għal San Ġużepp ikun hemm u ġurnata wara qabdu jarmawh. Fl-aħħar naqra x’ħin kienu qegħdin jarmawh, fl-aħħar naqra ċeda l-ark minn fuq u kien hemm tnejn li weġġgħu sewwa. Infatti, jumejn wara, nhar San Ġużepp wieħed minnhom miet”
Armar ieħor li jżejnu quddiem il-knisja huma żewġ pilandri li jinxtegħlu ma’ nżul ix-xemx. Fl-imgħoddi kienu jkunu mixgħula b’żejt ikkulurit.
“U vera jagħmlu aspett sabiħ, huma uniċi f’Malta. Fihom fuq sular u nofs, isfel huma inforced b’arblu ġo nofshom u reinforced b’kolonni bħala t-tiżjin”
L-armar tal-pilandri kif ukoll tal-ark isir taħt ir-responsabbilità tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp.