L-Arkivji fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi huma minjiera bla tarf ta’ wirt storiku fejn hemm imħaddna għadd ta’ pjanti, mapep u disinji ta’ għadd ta’ postijiet u artijiet madwar pajjiżna li joħduna lura sal-ħakma Ingliża bejn 1800 u l-1964.
Matul is-snin, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kien responsabbli mit-tfassil u l-proġetti pubbliċi madwar il-gżejjer Maltin. Bħala entità ewlenija, permezz ta’ dawn l-arkivji, wieħed isib materjal marbut ma’ għadd ta’ Bereġ ta’ żmien il-Kavallieri, it-Teatru Rjal, l-Akwadotti, is-Suq l-Antik, diversi ġonna u funtani Pubbliċi, l-għases tal-Pulizija, imtieħen tal-qamħ, torrijiet u saħansitra wkoll l-istemmi araldiċi tal-Gran Mastri Tal-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalem, li mexxew pajjiżna, fost oħrajn.
Il-valur storiku ta’ dawn l-arkivji huwa msejjes fl-informazzjoni li dawn l-arkivji huma mogħnija bihom. Huma mera tal-patrimonju tal-ħajja Maltija ta’ pajjiżna matul iż-żmien.
Dan l-aħħar inħasset il-ħtieġa li jkun varat proċess biex l-arkivji jkollhom meżżi moderni bil-materjal kollu ikun maħżun b’mod diġitali u fl-istess waqt ikun aktar aċċessibbli għall-pubbliku Malti u Għawdxi.
Dan il-proċess se jgħin biex dawn l-arkivji ikunu aktar moderni u b’hekk il-materjal kollu, jkun salvat u ssirlu l-konservazzjoni u fl-istess ħin il-preservazzjoni għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Dan kollu se jwassal biex ‘il quddiem ikun hemm pjattaforma fejn kull pjanta u mappa tkun irreġistrata u b’hekk ikun hemm indiċi speċifikati li jkun jista’ jgħin lil kull min ikun jixtieq li jagħmel xi tip ta’ riċerka dwar dawn it-teżori ta’ ġensna.
Is-Sur Stephen Tabone tana ħjiel ta’ x’wieħed isib f’dawn l-arkivji.
Qal, “L-arkivji tagħna kif għidna jmorru lura fi żmien l-Ingliżi jiġifieri imorru lura sa pjanti mill-1850’s sa kemm domna taħt il-kolonja Ingliża, x’issib, aħna għandna l-bereġ ta’ Malta kollha jiġifieri l-Auberge d’ Aragon, D’Italie, l-Auberge de Provance, tal-Baviera, Kastilja, l-Immeraviljari, il-Palazz tal-Inkwiżitur ta’ Malta, l-għases tal-pulizija, wieħed isib ħafna affarijiet hawnhekk, jiġifieri jkun diffiċli biex issemmi kollox għax hu xi ħaġa interessantissimu jiġifieri min jagħmel riċerka u mingħalih li ġej ħa jagħmel nofs siegħa jista’ jgħid li mhux nofs siegħa ħa jagħmel, ħa jagħmel nofs ta’ nhar.”
Grupp żgħir ta’ ħaddiema qed jagħmlu xogħol mirqum u imprezzabbli jħalli kull pjanta fl-arkivji tiġi sfuljata seperatament, isirilha tiswija kull fejn ikun hemm bżonn u jintmesħu mill-għabra li jista jkollhom. Wara mbagħad il-pjanta titpoġġa fi scanner apposta u ssir kopja diġitali tagħha.
Il-pass li jkun imiss huwa li pjanta oriġinali tiddaħħal f’kexxun apposta biex tkun protetta milli jsirilha aktar ħsara. Ġaladarba, il-pjanta tittieħdilha kopja diġitali u b’hekk ma jkunx hemm il-bżonn li din terġa’ tiċċaqlaq minn postha ħlief għal każijiet eċċezzjonali.
Waqt il-mawra tagħna fl-Arkivji fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi stajna ninnutaw pjanti ta’ fiera dwar pajjiżi differenti li saret kważi mitt sena ilu f’Wembley l-Ingilterra.
Dakinhar Malta kienet ħadet sehem u llum permezz ta’ dan ix-xogħol li qed isir, l-Arkivji se jkollhom il-pjanti tal-fiera kif intramat fl-1924.
Stajna naraw ukoll mostri ta’ bnadar u armi ta’ żmien l-Imperu Ingliż fejn hemm ukoll inkluża l-bandiera Maltija flimkien mal-arma ta’ Malta f’dik l-era.
Tabone spjegalna fid-dettal ix-xogħol li qed isir.
Qal, “Bħalissa għaddejjin bil-proċess li qed nagħmlu digitising tal-pjanti kollha li għandna. Bħal ma tista’ tara hawnhekk għandna ‘il fuq minn mitt elf pjanta. Bdejna dan l-aħħar niskenjawhom u l-iskop ovvajment huwa biex il-pubbliku li jiġi biex jagħmel ir-riċerka tiegħu kemm jista’ jkun ma nibqgħux intuh hard copy, ma jibqax iqalleb fir-rollijiet, allura qed niskenjawhom biex dawk jiġu preservati f’postijiet jiġifieri issa qed ninvestu ħafna flus fl-istorage tagħhom. Dawk biex kemm jista’ jkun ma jintmessewx u dejjem nużaw digitised copy.”
Il-ħsieb huwa li fil-ġejjieni b’investiment ta’ tliet mitt elf ewro isir it- tibdil tal-ixkaffar tal-injam ta’ bħalissa, li ilhom minn żmien l-Inglizi, ta’ fejn jinżammu il-pjanti u l-mapep, għall-oħrajn tal-plastik u li jkunu aktar moderni.