Il-Kumpless Megalitiku tal-Imnajdra se jkun imżewwaq b’taħlita ta’ arkeoloġija u mużika, fosthom dik kontemporanja, meta jospita t-tielet programm mis-sensiela ta’ kunċerti reġjonali, Ritual.
Dan il-kunċert se jsir darba ma’ inżul ix-xemx u darb’oħra ma’ tlugħ ix-xemx. It-trumbunist Skoċċiż, John Kenny, se jkun qiegħed juri l-evoluzzjoni tat-trumbun, li tinkludi l-bronja u replika tal-horn Skoċċiż li kien jindaqq fil-gwerra, il-‘carnyx’.
Din l-attivitá toffri wkoll opportunitá unika lill-udjenza biex jiċċelebraw is-solstizju tas-sajf f’dan is-sit li jifforma parti mil-lista tal-wirt kulturali tal-UNESCO. Ritual se jsir fit-23 ta’ Ġunju fis-7.30pm u fl-24 ta’ Ġunju fis-6.00am
Dan il-kunċert jifforma parti mill-‘Modern Music Days’, organizzat minn Teatru Manoel, mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mużika Kontemporanja, u mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bħala parti mill-programm kulturali tal-Belt Kapitali Ewropea 2018 tal-Belt Valletta. Dan il-kunċert qiegħed jiġi organizzat ukoll b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta.
Il-biljetti, €15 għal kull persuna, jistgħu jinxtraw mill-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta jew online, https://shop.heritagemalta.org
Għal iktar tagħrif żuru www.modernmusicdays.eu jew ikkuntattjaw lis-Sur Ruben Zahra fuq contact@maltacontemporarymusic.org