Aktar minn mitt sena minn mindu Howard Carter kien skopra l-qabar tar-Re Tutankhamun fl-Eġittu, arkeologi għadhom kemm għamlu sejba inkredibbli oħra, il-qabar ta’ wieħed mill-ħakkiema mit-18-il dinastija tal-Eġittu, ir-Re Thutmose.
Din l-iskopertà saret minn tim ta’ arkeologi Brittaniċi u Eġizzjani mmexxija minn Dr Piers Litherland hekk kif il-qabar kien moħbi fil-Widien tal-Punent tan-Nekropoli Theban ħdejn Luxor.
Sal-lum is-sit tal-post oriġinali tad-difna ta’ Thutmose kien misteru hekk kif il-mummja tiegħu kienet instabet mitejn sena ilu fid-daħla ta’ Deir el-Bahri fuq it-Tempju Mortwarju ta’ Hatshepsut.
Din l-iskoperta qed tkun meqjusa bħala waħda mill-aktar żviluppi arkeoloġiċi sinifikanti taż-żminijiet moderni.
Is-sit kien ġie skopert fl-2022, iżda kien maħsub li fil-qabar kien hemm xi waħda min-nisa rjali ta’ wieħed mil-farawni tad-dinastija Thutmose. Iżda evidenza arkeoloġika eventwalment ippruvat li dan kien il-post tad-difna ta’ Thutmose II, li miet madwar is-sena 1479 Q.K. wara renju pjuttost qasir. Studji jissuġġerixxu li Thutmose II kellu madwar 30 sena meta miet bis-suċċessur tiegħu tkun martu Hatshepsut li damet fuq it-tron għal 21 sena bejn is-snin 1479 u 1458 Q.K.