L-ark tal-Furjana – sinonimu mal-festa ta’ San Publiju qed jerġa’ jinbena mill-ġdid, wara li f’April li għadda, safa’ mira ta’ att vandalu li qerdu kompletament.
L-Arċipriet tal-Parroċċa tal-Furjana Dun Charles Cini qal ma’ ONE News kif b’dan l-att vandalu, il-Furjana tilfet parti minn ruħha, hekk kif l-ark huwa parti mill-istorja Furjaniża.
“Wara l-inċident il-Furjaniżi urew ix-xewqa li jerġa jkun hemm l-ark għax l-ark huwa s-simbolu tal-Furjana u anke kburijali għandna ark li huwa l-unika fid-dinja … Jiġifieri mingħajr l-ark qishek m’għandniex ir-ruħ,” stqarr l-Arċipriet Furjaniż.
Dan l-ark – iddisinjat mill-Furjaniż George Cassar u maħdum mill-mastrudaxxa Franġisku Spiteri, intuża għall-ewwel darba fil-festa tal-1899.
Fi żmien il-gwerra l-ark kien inħeba wara ħajt, għaliex dak iż-żmien l-Inġliżi kienu jduru għall-imħażen tal-armar biex jieħdu l-injam ħalli jintuża fil-fran tal-Victory Kitchen. Hekk kif kien hawn nuqqas ta’ provista tal-injam.
“Jiġifieri dan salva minn din il-ħaġa imma ġie distrutt propju din is-sena b’dan l-att vandalu,” qal l-Arċipriet Cini.
Wara l-gwerra, l-ark reġa ntrama fl-1999, eżattament mitt sena wara li nbena.
L-ark li qed jinbena mill-ġdid se jkun eżatt l-istess bħall-oriġinali, inkluż id-disinji bħal dawk li hemm fuq il-faċċatta tal-knisja ta’ San Publiju.
Minbarra donazzjonijiet mill-pubbliku, il-Gvern kien ta għotja ta’ €50,000 mill-Fond tal-Kawżi Ġusti għall-bini mill-ġdid ta’ dan l-ark.