“Hemm sens kbir ta’ telqa fil-partit u l-ħakma li għandu Karol Aquilina, u ħuh Robert Aquilina tar-Repubblika, fgat lill-Partit Nazzjonalista.” Hekk sostna ma’ ONE News persuna midħla sew tal-Partit Nazzjonalista b’referenza għal dak li qed iseħħ fil-Partit Nazzjonalista, speċjalment fl-aħħar xhur.
Intqal li hemm sens qawwi ta’ passività minn bosta deputati. B’dak li seħħ fil-Parlament, fejn Aquilina nfexx jgħajjar lill-Ispeaker kompla jgerrex lin-nies mill-partit, inkluż żgħażagħ.
Intqal li dak li seħħ l-Erbgħa, barra l-Parlament minn tal-għaqda Repubblika, bit-tisbit fuq il-borom, u t-tisfir tas-sfafar, apparti l-attendenza fqira li kien hemm fil-pjazza, jkompli jirredikola lill-Partit Nazzjonalista.
“Dan mhux l-istil ta’ politika moderna li jridu n-nies. Imma donnu li bħala partit, ma nitgħallmu qatt”, kompliet tgħid din il-persuna.
Qalilna kif fil-Partit Nazzjonalista hemm wisq stil politiku tribali – stil konservattiv li minflok jiddiskuti l-ideat, jattakka lill-persuna u li jaħsbu li tagħhom kollox tajjeb u jridu, l-ħin kollu, jippontifikaw.
“Tinħass arja tqila wisq fil-partit u hemm sens ta’ frustrazzjoni fost bosta deputati”, kompliet tispjega din il-persuna lil ONE News.
“Il-ħakma ta’ Karol Aquilina fuq Bernard Grech, ħonqot partit u tagħmilha impossibbli li xi ħadd jieqaflu għax jaf li, politikament, jeqirduh”, qalet din il-persuna lil ONE News.