Raġel ta’ 55 sena ingħata multa wara li nstab ħati li għajjar lil ommu anzjana.
Ir-raġel hu mill-Msida u ismu ma jistax jixxandar, biex tkun protetta l-omm ta’ 82 sena. Huwa kien mixli li f’Awwissu tal-2021 u anke qabel, beżża’ lil ommu, taha fastidju, insulentaha u waddab affarijiet lejha.
Huwa kien mixli wkoll li f’jumejn separati f’Lulju tal-2021 ma marx l-għassa meta mitlub jagħmel dan minn uffiċjali tal-Pulizija.
Fil-Qorti, l-omm qalet li l-iben għandu problemi bil-vizzju tax-xorb. Fi stqarrija lill-Pulizija, ir-raġel ammetta li lill-anzjana, imma insista li kienet hi li waddbitlu flixkun, sawwtitu u għajret lil bintu. Allega wkoll li żammet sikkina ma’ żaqqu u prova jipproteġi lilu nnifsu billi jimbuttaha.
Hu sostna li ommu ssofri minn burdati koroh ħafna, u li minn meta qalilha li bintu kienet se tiżżewweġ, ir-relazzjoni bejniethom iggravat.
Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li għalkemm huwa minnu li r-raġel insulta lil mara anzjana u vulnerabbli, xorta waħda dan seħħ f’kuntest ta’ argumenti bejn it-tnejn li huma. Il-Maġistrat ma sabitx lil Spiteri ħati li ma marx l-għassa, għax m’hemmx provi li ntalab jagħmel hekk.
Għaldaqstant il-Maġistrat sabitu ħati li għajjar lil ommu u mmultatu €58, filwaqt li rabtitu b’kundizzjoni li jżomm il-paċi ma’ ommu. Wissietu li jekk jerġgħu jinqalaw argumenti fi żmien sena, se jiġi mmultat €2,000.
Ritratt: Unsplash/jwwphotography