Kompla l-ġuri ta’ Ahmed El Fadalli, li huwa akkużat b’involviment fi pjan sabiex tiddaħħal ħamsin kilogramma kannabis f’Malta, fejn id-Difiża qed issostni li l-provi fil-każ ma jippruvawx li huwa ħati.
Id-Difiża spjegat li d-droga nstabet fuq raġel ieħor fit-Tuneżija u li dan akkuża lill-imputat sabiex jaħrab mill-akkużi.
Ġie spjegat kif il-verżjoni tar-raġel l-ieħor ma tagħmilx sens u li l-Pulizija fit-Tuneżija qalulu li jekk isemmi isem, dan jintbagħat lura Malta.
Intant il-Prosekuzzjoni sostniet li kull min tressaq il-Qorti fit-Tuneżija u pajjiżna għal kawżi marbutin ma’ dan il-każ, kollha semmew lill-imputat, u l-provi kollha jippuntaw lejh.
Hawn tqajjem ukoll id-dubju dwar l-onestà tal-imputat, li qal li trasferixxa flus lil mara li ma jafx fuq talba ta’ ħaddieħor.
Ġie nnutat kif minkejja li dan il-każ beda għaxar snin ilu, id-Difiża issa qed tqajjem id-dubji dwar l-istqarrija tal-imputat mal-Pulizija.