- Jirreaġixxu ż-żewġ clubs
Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-għaxra neqsin għoxrin, issejħet il-Pulizija fil-grawnd tal-futbol ta’ Triq Valletta, il-Mosta, minħabba li kien hemm xi argument.
Waqt li kienet għaddejja logħba bejn Gżira u Swieqi, qam argument bejn żewġ players avversarji bil-konsegwenza li l-argument eskala u kienu involuti għadd ta’ players oħra.
Jidher li waqt dan l-argument, wieħed mill-players – żagħżugħ ta’ 20 sena, residenti s-Swieqi allegatament qala’ xi daqqiet ta’ ponn mingħand żagħżugħ ieħor li wkoll għandu 20 sena u joqgħod Tas-Sliema.
Iż-żagħżugħ t’20 sena, residenti s-Swieqi irrikorra ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta għall-kura fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Minn iktar stħarriġ li sar irriżulta wkoll li żewġ players oħra li għandhom 18 u 19-il sena, residenti Birkirkara u n-Naxxar rispettivament, ukoll sfaw feruti waqt dan l-inċident u ġew iċċertifikati li qegħdin isofru minn ġrieħi ħfief.
Fi stqarrija l-Kumitat ta’ Gżira United ikkundanna kwalunkwe vjolenza f’partita tal-futbol u qal li se jħalli f’idejn il-Pulizija u l-awtoritajiet sportivi sabiex b’ġustizzja jevalwaw dak li ġara, x’wassal għal dan l-incident u x’passi għandhom jittieħdu sabiex il-futbol jibqa’ sport u mhux arena ta’ ġlied.
Swieqi wkoll qalu li se jistennew li tittieħed azzjoni.