Għaxar immigranti li kienu qed jinżammu fiċ-Ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi ġew arrestati mill-pulizija/
One News jinsab informat li kien għall-ħabta tas-sitta tat-Tnejn filgħaxija li fiċ-ċentru nqala’ diżgwid bejn ir-residenti wara li allegatament ġew informati li kienu se jiġu ripatrijati lejn pajjiżhom.
Fuq il-post kien hemm preżenza qawwija ta’ pulizija fosthom tmien taqsimiet tar-Rapid Intervention unit, l-iskawdra tal-ispecial intervention unit, ambulanza u uffiċjali mid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili.
Sorsi fuq il-post qalu lil one news li l-inkwiet inqala’ għall-ħabta tas-sitta bis-sitwazzjoni tikkalma wara ftit minuti. Madankollu s-sitwazzjoni regħet eskalat għall-ħabta tas-8.30 p.m. bil-pulizija tarresta għaxar persuni.
L-investigazjonijiet tal-Pulizija fuq il-każ għadhom għaddejin.