Illum waranofsinhar, fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, kien hemm raġel li sofra xi ġrieħi wara li nqala’ argument.
Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li r-raġel, ta’ nazzjonalità barranija kien involut f’argument, meta safa` milqut minn arma li taqta’ u bil-ponta.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku, li assista lir-raġel u ttieħed l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġie infurmat l-Maġistrat tal-Għassa Dr A. Micallef Trigona LLD li ħatar diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.