Fi stqarrija l-Pulizija qalet kif ilbieraħ, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija, ġiet infurmata li kien hemm argument bejn xi persuni fi Triq il-Kavallieri ta’ Malta, Wied il-Għajn.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u ġie nnotat taqtir ta’ demm, iżda l-persuni involuti kienu telqu minn fuq il-post.
Waqt l-investigazzjonijiet irriżulta li erba`persuni kienu marru l-Isptar b’vettura privata wara li kellom argument ma’ xi persuni oħra f’residenza fl-imsemmija triq.
Irriżulta ukoll li waqt l-argument allegatament intużaw xi armi li jaqtgħu u bil-ponta.
Aktar tard wieħed mill-irġiel, Sirjan ta’ 47 sena residenti l-Mosta kien iċċertifikat bi ġrieħi gravi, filwaqt li t-tliet irġiel l-oħra, li għandhom 19, 20 u 21 sena u kollha residenti l-Mosta, kienu ċċertifikati bi ġrieħi ħfief.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet sabiex jiġu identifikati persuni oħra li kienu involuti f’dan il-każ.