Anzjan ta’ 85 sena u raġel ta’ 47 sena sofrew xi ġrieħi wara li kienu nvoluti f’argument bejn erbat irġiel f’Raħal Ġdid.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-8 ta’ filgħaxija fi Triq Għajn Dwieli.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kien qam argument bejn erbat irġiel ta’ 68, 47, 85 u 42 sena, u allegatament intuża oġġett tal-ħadid.
Ir-raġel ta’ 47 sena u l-anzjan ta’ 85 sena marru fl-eqreb ċentru tas-saħħa fejn ir-raġel ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi filwaqt li l-anzjan sofra ġrieħi ħfif.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.