Il-preżenza Maltija fil-ħidma diplomatika tal-istat tal-Vatikan kompliet tissaħħaħ wara l-ħatra ta’ Monsinjur Antoine Camilleri bħala Nunzju Appostoliku u Arċisqof titulari ta’ Skálholt fl-Iżlanda.
Monsinjur Camilleri twieled f’Tas-Sliema fl-1965, kien ordnat saċerdot fl-1991 u beda jaħdem fil-korp diplomatiku tal-Vatikan tmien snin wara.
Iktar kmieni dan ix-xahar huwa ġie ordnat Arċisqof uffiċjalment mill-Papa Franġisku bi preparazzjoni għall-ħidma tiegħu ‘l barra mill-Vatikan.
Ma’ ONE News, Monsinjur Camilleri saħaq li l-ħidma ta’ Nunzju Appostoliku hija ekwivalenti għal dik ta’ ambaxxatur. F’dan il-każ Ambaxxatur tal-Vatikan, fejn jinvolvi ruħu mal-operat tal-Knisja Kattolika fil-pajjiż.
Hu spjega: “Tkun f’kuntatt kontinwu mal-isqfijiet biex tipprova tara kif il-ħajja tal-Knisja tista’ tgħina, tissapportja u tara fejn jekk ikun hemm xi problemi tirrisolvihom.”
Spjega wkoll li jirrapreżenta l-Vatikan f’dik li hi ħidma diplomatika u r-relazzjonijiet mal-pajjiż li jilqgħu.
Il-ħidma tal-Monsinjur f’pajjiż li għad irid ikun imħabbar mill-Vatikan uffiċjalment, issegwi ħidma li Monsinjur Camilleri wettaq ġewwa l-Vatikan tul dawn l-aħħar 20 sena.
Fost oħrajn ħadem fir-relazzjonijiet bejn il-Vatikan u l-pajjiżi ta’ Papua New Guinea, l-Uganda u Kuba, filwaqt li fl-2013 huwa nħatar sotto-segretarju għar-relazzjonijiet mal-istati fis-Segreterija tal-Istat tal-Vatikan.
Monsinjur Camilleri spjega l-ħidma ewlenija tal-korp diplomatiku tal-Vatikan
“L-iktar issue importanti f’dan is-sitwazzjonijiet tkun il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża fil-pajjiżi tad-dinja kif ukoll il-promozzjoni tal-paċi fis-soċjetajiet li fihom il-knisja tkun qed taħdem”, sostna Monsinjur Camilleri.
F’laqgħa fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, il-Ministru Carmelo Abela laqa’ lil Monsinjur Camilleri, li feraħlu għal din il-kariga prestiġġjuża filwaqt li awguralu l-aqwa ħidma li tagħmel isem kemm għalih u kemm għal pajjiżna.
Il-Ministru ppreżenta lill-Arċisqof platt taċ-ċeramika bl-emblema tiegħu, liema emblema kienet iddiżinjata mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.
L-emblema hija ispirata kemm mill-arma tal-kunjom Camilleri kif ukoll mid-devozzjoni lejn Stella Maris, il-padruna ta’ waħda mill-paroċċi f’Tas Sliema.