Fi stqarrija l-Arċidjoċesi ta’ Malta ħabbret kif tliet parroċċi se jkollhom arċipriet jew kappillan ġdid.
Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar se tkun immexxija mill-arċipriet Dun Roderick Camilleri.
Filwaqt li Mons. Evan Caruana u Dun David Borg inħatru mill-Arċisqof Charles J. Scicluna bħala kappillani tal-Parroċċi ta’ Santa Marija f’Birkirkara u l-Madonna ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid.
Dun Roderick ġie ordnat saċerdot nhar id-29 ta’ Ġunju 2012. Beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara, u wara bħala viċi-kappillan fil-Parroċċa ta’ San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa. Serva wkoll bħala direttur spiritwali fil-Kulleġġ San Benedittu, Ħal Kirkop bejn l-2013 u l-2015. Fl-2015 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn, fejn serva għal seba’ snin.
Mons. Evan ġie ordnat saċerdot fil‑11 ta’ Lulju 1986. Huwa beda l‑ħidma pastorali tiegħu fil‑parroċċa ta’ San Pietru fil‑Ktajjen, Birżebbuġa. Fl‑1991 inħatar kappillan tal‑parroċċa ta’ Santa Marija, il‑Gudja, fejn serva għal 13‑il sena. Fl‑2004 inħatar arċipriet tal‑parroċċa Marija Bambina, in‑Naxxar, fejn serva għal 11‑il sena. Għal dawn l‑aħħar tmien snin huwa kien arċipriet tal‑parroċċa tal‑Madonna tal‑Grazzja, Ħaż‑Żabbar.
Dun David Borg ġie ordnat saċerdot fl-2020. L-ewwel esperjenza pastorali tiegħu kienet fil-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien bħala djaknu u wara bħala viċi-arċipriet. B’kollox serva għal erba’ snin f’din il-parroċċa. Fl-2020 sar iċ-chaplain tal-iskola intermedja ta’ St Thomas More f’Ħal Tarxien kif ukoll beda jmexxi l-grupp HOPE, li hu grupp ta’ sapport għal persuni separati. Fl-2022 beda ħidma pastorali mar-residenti taċ-Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni tal-komunità Santa Marija, f’Ħal Farruġ.