Arblu fil-Forti Sant’Anġlu ta’ żmien il-ħakma Ingliża, se jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni f’attività li Heritage Malta se torganizza fil-wieħed u tletin ta’ Marzu, li jaħbat it-tlieta u erbgħin anniversarju mit-tluq tal-aħħar truppi Ingliżi minn Malta.
L-attività se ssir filgħodu f’din il-fortifikazzjoni li tinsab fil-ponta tal-Birgu, b’kollaborazzjoni ma’ membri tal-fergħa Maltija tar-Royal Navy Association u bis-sehem tal-grupp tar-re-enactment Malta Command.
Dan l-arblu navali tal-injam twil tmenin pied, twaħħal fil-Forti Sant’Anġlu fl-elf disa’ mija u għaxra.
Il-Kuratur tal-fortifikazzjonijiet fi ħdan Heritage Malta, Matthew Balzan spjega ma’ dan l-istazzjon kif ma’ dan l-arblu kienu jittajru diversi bnadar.
Qal, “Fuq nett kienet titla’ l-bandiera tal-ammirall, jew il-viċi-ammirall li taħtu jaqa’ Sant’Anġlu, naħa t’isfel kienet titla l-white end, li hija l-bandiera uffiċjali tar-royal navy u mal-parti l-oħra kienu jitilgħu bnadar li jidderieġu l-bastimenti jew saħansitra jitilgħu forom apposta dwar rapporti fit-temp.”
Arblu navali ieħor li tneħħa fis-sebgħinijiet kien jinsab fuq il-bastjun ta’ Lascaris fil-Belt, in-naħa l-oħra tal-Port il-Kbir.
Qal, “Dan kien biċċa xogħol kbira, speċjalment għax ma setgħux itellgħu l-inġenju. Dan kellu jitniżżel u jittella’ bl-idejn, u wara li tniżżel ġie analizzat l-injam instab li fil-maġġoranza tiegħu kien tajjeb ħafna.”
Il-biljetti għal din l-attività jistgħu jinxtraw biss mill-bieb, bil-prezz normali tad-dħul għall-Forti Sant’Anġlu.
Dawk li għandhom il-passaport ta’ Heritage Malta jidħlu b’xejn.