Waqt preżentazzjoni tal-programm tal-Presidenza tal-Kunsill fi ħdan is-Suq Intern u l-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, l-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi talbet lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Malti, Dr Chris Cardona, biex jassigura li l-wegħda li saret mill-Parlament Ewropew liċ-ċittadini għall-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming, tinżamm.
Mizzi talbet lill-Presidenza biex tassigura li r-riforma tas-suq tar-roaming bl-imnut u bl-ingrossa tkun ambizzjuża biżżejjed li tippermetti l-abolizzjoni vera tal-ħlas għar-roaming f’Ġunju 2017 billi jitbaxxew il-limiti tal-prezzijiet bl-ingrossa għar-roaming, filwaqt li fl-istess ħin ikun assigurat li ma jkunx hemm żidiet fil-prezzijiet fuq livell nazzjonali.
Ħeġġet lill-Ministru biex itejjeb b’mod ġenerali l-investiment u l-ekosistema għall-intrapriżi żgħar u medji fl-Ewropa.