L-edizzjoni ta’ Arani Issa tal-lum se tkun waħda speċjali, hekk kif waqt il-programm se jinġabru flus għall-missjoni.
Il-preżentatur Joseph Chetcuti spjega li l-flus kollha li se jinġabru f’dan il-programm b’edizzjoni speċjali fuq ONE se jmorru għat-tfal li huma l-ifqar fost il-fqar fil-pajjiżi tat-Tanżanija, il-Kenja u l-Etijopja biex ikunu jistgħu jieħdu l-edukazzjoni, ikollhom aċċess għall-ikel u l-ilma u anke jkollhom kura adegwata.
Waqt il-programm se jkun hemm preżenti sorijiet Agostinjani u tal-Ulied tal-Qalb ta’ Ġesù li ħa jkunu qegħdin jirrispondu t-telefonati.
“Iktar minn tliet miljun tifel u tifla fis-sena jmutu bil-ġuħ u bil-għatx u għalhekk jiena nappella lit-telespettaturi kollha Maltin u Għawdxin biex illejla jingħaqdu magħna f’din iċ-ċirku sabiħ ta’ mħabba biex kemm jista’ jkun nagħtu d-donazzjonijiet għal dawn it-tfal biex ikunu jistgħu jkollhom id-dinjità tagħhom li jixirqilhom. Is-soltu Arani issa dejjem nagħtu ħafna rigali sbieħ. Issa qed nitolbu lill-Maltin u Għawdxin biex jagħtuna xi ħaġa żgħira mhux lili imma lit-tfal tal-missjoni biex għada jkollhom platt sħun quddiemhom u anka tazza ilma nadifa.”