Arani Issa jkompli s-Sibt filgħaxija wara s-suċċess ta’ l-edizzjoni speċjali Arani Issa Missjoni tas-Sibt li għadda fejn verament ġiet apprezzata l-ġenerożita’ kbira tal-Maltin u l-Għawdxin sabiex it-tim tal-produzzjoni jgħin tfal foqra fil-missjoni tal-Kenya, Tanżanija u l-Filippini. Din il-ġimgħa Joseph Chetcuti flimkien mat-tim tiegħu ser iwasslilkom aktar stejjer emozzjonanti li permezz tagħhom ngħixu u napprezzaw il-valuri veri tagħna l-Maltin u l-Għawdxin fl-aqwa tagħhom -stejjer ta’ nies ta’ veru li mingħajr ħafna daqq ta’ trombi jagħtu eżempju ħaj lil kulħadd.
Niltaqgħu mal-istorja ħelwa ta’ Gareth – ġuvnott b’abbiltajiet differenti li permezz tal-istorja tiegħu ser napprezzaw il-kuraġġ kbir tal-familja tiegħu, id-determinazzoni tiegħu u l-eżempju li din il-familja sabiħa tagħtina, eżempju ta’ għaqda u mħabba vera bla kundizzjonijiet u kantunieri. Hekk ukoll hija s-sorpriża li t-tim ħejja lil omm Soraya – persuna li żgur m’għandix bżonn introduzzjoni hekk kif Soraya tirringrazzja mill-qalb lill-għażiża ommha talli dejjem kienet warajha u ssapportjatha f’ ħajjitha – omm oħra ta’ veru li fis-sempliċita u l-umilta’ tagħha tagħti eżempju ħaj ta’ imħabba sinċiera u inklużjoni vera. Fl-aħħar u mhux l-inqas ir-reġina tat-trasformazzjoni Mariolina – mara ta’ kuraġġ kbir li sa minn tfulitha għaddiet minn ħafna iżda dejjem pożttiva u bi tbissima li tferraħ lil kull min ikun madwarha!
Fil-programm ma jonqosx spettaklu mill-isbaħ – din il-ġimgħa l-mistieden speċjali m’huwa ħadd ħlief Raffael, il-kitarrista żgħażugħ ta’ l-ewwel edizzjoni ta’ Brillanti li d-determinazzjoni tiegħu serqet il-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin kollha!
Arani Issa jixxandar is-Sibt fit-8:30pm fuq ONE