Sant’ Elena Imperatriċi Awgusta. 1999, 2019
Dan hu t-titlu ta’ oratorju li nkiteb biex ifakkar il-mitt sena tal-Għaqda Mużikali Santa Elena.
Mill-pinna ta’ Anthony Saliba u b’noti mużikali tal-Maestro Raymond Zammit, l-oratorju mhux biss se jirrakkonta l-istorja tas-soċjetà. Filfatt dan l-oratorju jinkludi wkoll episodji mill-istorja ta’ Santa Liena, qaddiesa li l-festa tagħha tkun iċċelebrata f’Birkirkara nhar il-Ħadd li ġej.
Meta żorna l-provi kien spjegat li se jkunu ħamsa u sittin mużiċist li mbagħad jagħtu l-ħajja lil dan il-proġett.
Anthony Saliba, Awtur qal: “L-oratorju fih erba’ taqsimiet jissimbolizza, anzi juri l-vjaġġ li għamlet Santa Liena min Ruma sa Ġerusalemm u mbagħad lura biex isib is-Salib Imqaddes u meta tasal lura Ruma, wara s-sejba tas-Salib Imqaddes, hemm dawk ix-xeni ferm sbieħ li jiġu lejn l-aħħar parti tal-Oratorju fejn Santa Liena tmut, bħal kull bniedem ieħor u mbagħad hemm l-aqwa parti tal-Oratorju – il-glorifikazzjoni tagħha”.
Il-karattri tal-epoka ta’ Santa Liena se jkunu interpretati minn bosta atturi. Fosthom sopran ta’ tnax –il sena li fil-parti ta’ anġlu se jkun qed jinterpreta waħda mill-iktar episodji interessanti.
Il-kompożitur Raymond Zammit tkellem dwar kif dam madwar sena jaħdem fuq dan il-proġett. Fejn ma kienx faċli li jorbot flimkien żewġ ġrajjiet li għalkemm marbuta huma tant differenti.
Il-Kompożitur, Raymond Zammit qal: “Kien challenge kbir biex tammalga żewġ kuntrasti, huma viċin xulxin imma mhux l-istess. Għax meta ssemmi l-oratorju huwa t-text li qed tikteb jew mill-Bibbja jew inkella qed titkellem fuq qaddis jew qaddisa u kantata hija xi ħaġa li qed titkellem persuna jew għaqda jew xi ġrajja li ġrat matul is-snin”.
L-oratorju se jkun qed jittella’ nhar it-Tlieta 13 t’Awwissu fil-Bażilika ta’ Sant’Elena fis-7 ta’ filgħaxija.