Ta’ 16-il sena jippreferi jpoġġi fuq siġġu komdu u jqatta’ l-ħin liberu tiegħu bi trajbu fuqu, bil-ħajt u biċ-ċombini jaħdem il-bizzilla.
Dan huwa Nathaniel Gauci, żagħżugħ Qormi li minn età żgħira kienu jaffaxinawh l-arti u s-snajja’, tant li meta kien l-iskola, waqt l-attivitajiet extra kurrikulari kien jitgħallem kif jaħdem il-bizzilla ta’ dari.
Fil-fatt qalilna li l-interess lejn din is-sengħa nibtet minn librara fl-iskola.
Huwa rrakkonta: “Meta kont għadni l-iskola l-librara u dak iż-żmien kienet qed tipprepara attivitajiet extra kurrikulari u din kienet lace making u konna grupp ta’ xi għoxrin u għidt go for it hux u bdejt u aktar ma dħalt fiha interessajt ruħi aktar.”
Qalilna li għalkemm ħafna jassoċjaw din is-sengħa man-nisa u l-anzjani, huwa jrid juri li ma l-arti m’għanhiex tkun assoċjata ma’ età jew ġeneru partikolari.
Nathaniel sostna: “Din vera hija assoċjata man-nisa u anzjani imma as such l-arti hija xi ħaġa għal kulħadd, issa jekk intix anzjan jew mara jew żgħir, int x’int l-arti għal kulħadd qiegħda jiġifieri as such qatt ma kelli dik it-tip ta’ mentalità.”
Tkellemna wkoll mal-Patri Dumnikan Tonio Mallia Milanes, li fil-ħin liberu tiegħu, jew meta jżur lill-ġenituri, jintefa’ jaħdem xi alba, stola jew terħa għall-knisja.
Qalina wkoll li x-xogħol tal-bizzilla huwa terapija fih innifsu.
Ft Tonio stqarr: “Hu xogħol li jieħu l-ħin, jien nidejjaq ma nagħmel xejn u ħafna drabi naħdem meta ninżel id-dar u nżur lill-missieri u l-ommi u nniżżel ix-xogħol miegħi…. Huwa xogħol terapewtiku jiġifieri xogħol li tikkonċentra fuqu u jserraħlek il-menti.”
Ma’ Nathaniel u ma’ Patri Tonio tkellimna fil-Jum Dinji tal-Bizzilla u għalkemm l-interess għal din is-sngħajja f’pajjiżna naqas, jidher li fl-aħħar snin bosta qed jerġgħu jieħdu l-interess biex fil-ħin liberu tagħhom jaħdmu xi tvalja, flokk jew ċraret bil-bizzilla Maltija.