It-tim ta’ ONE Breakfast iltaqa’ ma’ Carlin Polidano żagħżugħ li minn dejjem kellu ġibda lejn l-attività fiżika u l-avventura.
Fil-fatt meta kellu 18-il sena kien daħal fis-sezzjoni tal-Fire and Rescue fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Xogħol li għalih wieħed irid ikun imħarreġ tajjeb fiżikament.
Minn hemm hekk f’Carlin nibtet l-imħabba għax-xogħol ta’ fitness trainer.
Illum il-ġurnata, Carlin ilu jaħdem bħala fitness instructor għal dawn l-aħħar ħames snin.
Huwa stqarr li għal bidu huwa beda dan ix-xogħol fuq bażi part time, billi jitħarreġ hu u jgħin lil sħabu. Iżda mbagħad tħajjar jibni karriera fuq dak li verament iħobb.
Fi tliet snin biss, Carlin irnexxielu jiftaħ il-gym personali tiegħu. Huwa sostna li qabel qatt ma kellu esperjenza ta’ negozju imma madankollu rnexxielu jibni dan in-negozju permezz tar-reżiljenza. Huwa saħaq li s-sigriet biex wieħed jirnexxi huwa li qatt ma jaqta’ qalbu u li jkun iħobb dak li qed jagħmel.
Minkejja li l-pandemija ġabet magħha diversi sfidi, l-innovazzjoni ta’ Carlin wasslet biex il-klijenti tiegħu jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu l-eżerċizzju mid-dar. Fil-fatt huwa u t-tim tiegħu ħolqu applikazzjoni u rrekordjaw bosta filmati tal-eżerċizzji u tellgħuhom f’din l-applikazzjoni.
Carlin tenna li waqt l-imxija tal-Covid-19 u r-restrizzjonijiet li ġabet magħha din l-idea innovattiva salvat in-negozju tiegħu.
Barra minn hekk, waqt il-pandemija l-ħdima ta’ Carlin u t-tim tiegħu intensifikat u fi żmien li ġej mistenni jiftaħ it-tieni gym tiegħu, minkejja d-dubji u l-ostakli li kellu waqt dan iż-żmien diffiċli. Iżda permezz tar-reżistenza u l-pożittività kompla għaddej.
Huwa induna li l-pandemija ġegħlet lin-nies jirrealizzaw kemm hu importanti li jieħdu ħsieb saħħithom.
Fl-aħħar nett, Carlin temm jappella biex in-nies jieħdu ħsieb kemm is-saħħa fiżika u anke mentali tagħhom. Tenna li l-eżerċizzju fiżiku jgħin biex ikun evitat mard differenti. Saħaq li kellu bosta klijenti li tant inbidlu li kellhom opportunitajiet ġodda u li ma kinux jafu li kienu qed jgħixu ħajja diffiċli.