Anġelo Muscat, student ta’ 17 –il sena, intgħażel minn Malta u Għawdex kollu biex immur jagħmel esperjenza mużikali ta’ ġimgħa fl-Università fi Graz fl-Awstrija.
Muscat irnexxilu jasal sa hawn billi f’Mejju li għadda, ittanta xortiħ u bagħat filmat tiegħu jkanta. Kien hawnekk li hu rebaħ l-borża ta’ studju biex imur f’Università prominenti fl-Awstrija. Dan hu programm iffinanzjat mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Aġenzija zgħazagħ Malta.
Ma’ ONE News, Muscat stqarr li waħda mill-esperjenzi fil-ħajja mużikali li se jibqa’ jiftakar hi dik ta’ meta kanta bħala solist mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta waqt il-kunċert tal-Milied flimkien mal-Kor Għawdxi Chorus Urbanus.
“Esperjenza oħra li ma ninsa qatt hi dik ta’ meta kelli l-opportunità nattendi klassi mgħallma mis-soprana Maltija ta’ fama internazzjonali Miriam Gauci” reġa stqarr magħna Muscat.
L-għalliema tal-vuċi tat-tenur Muscat hija s-soprana Taljana Juliette Bisazza Zanni.