“Waqqafnik għax fil-bypass hawn fuq kont għaddej overspeeding. Il-limit huwa 80 kph u inti kont għaddej 115 kph. Għandna l-filmat tiegħek bil-kamera tagħna.”
Dan kien wieħed minn diversi sewwieqa li fl-għodwa tal-Ħadd kien imħarrek mill-Pulizija għaliex kien qed isuq b’veloċità eċċessiva fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar.
Crew ta’ ONE News sebaħ mal-pulizija li wettqet wieħed minn diversi operazzjonijiet madwar il-pajjiż, fil-jum li tradizzjonalment wieħed joħroġ idur dawra bil-karozza jew bil-mutur.
L-operazzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nicholas Vella mit-taqsima tat-traffiku tal-Korp tal-Pulizija, li saħaq li dawn il-kontrolli jsiru biex l-abbuż li jsir jiġi mrażżan.
Huwa spjega: “Qed nagħmlu dan l-eżercizzju speċjalment il-Ħadd filgħodu u anka f’ġranet oħra biex nikkontrollaw dan l-eċċess li qed isir. Aħna f’dan l-eċċess li qed isir nużaw speed cameras handheld biex inkunu nistgħu inkunu mobile u nduru f’diversi postijiet fit-toroq ta’ Malta.”
F’każ partikolari l-Ħadd li għadda, sewwieq inqabad isuq iktar mid-doppju tal-limitù tal-veloċità ta’ tmenin kilometru fis-siegħa f’din il-bypass, meta inqabad mill-ispeed gun b’veloċità ta’ mija u ħamsa u tmenin kilometru fis-siegħa.
Ġimgħa wara, kien hemm min ittanta xortih li jlaħħaq miegħu.
Il-Pulizija tat-traffiku qalu: “Fil-bypass kont għaddej 146 kilometres per hour inti. Għandna l-ispeed camera hemm fuq, suppost maximum tmenin. Eighty. Inti kont għaddej 146, orrajt? Ħa nħarrkuk fuq hekk.”
Fil-fatt fi ftit iktar minn siegħa, il-Pulizija waqqfet madwar għoxrin karozza, il-maġġoranza minħabba li nqabeż il-limitu tal-veloċità fit-triq.
Marbuta ma’ din il-kontravenzjoni hemm tnaqqis ta’ 3 punti u multa ta’ €35 meta wieħed ikun għaddej sa 15-il kilometru iżjed minn dak massimu. Min jaqbeż iktar minn 15-il kilometru fuq il-limitu jiġi mmultat ħamsa u sebgħin ewro.
Intant il-Pulizija tkun ukoll għajnejha miftuħin għal kontravenzjonijiet oħra.
L-Ispettur Vella sostna: “Waqqafna vetturi li ma kellhomx number plates, ma kinux lebsin seatbelt, tinted glass u infringements oħra ta’ regolamenti ta’ traffiku.”
L-Ispettur innota li dan l-abbuż fil-veloċità jidher li huwa dovut għas-sitwazzjoni kawża tal-imxija tal-Coronavirus, li qed tħalli t-toroq ftit iktar kwieti mis-soltu.
Madanakollu, ħidmet il-Pulizija ma taqta’ xejn, fejn bil-multa jew taħrika li jagħtu llum taf issalva l-ħajja ta’ persuna milli tmut f’xi inċident tat-traffiku.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/04/19/56-xufier-imharrka-mill-pulizija-minhabba-velocita-eccessiva/