Jidher li l-Maltin li kellhom titjira mal-Alitalia wara l-ħmistax t’Ottubru, solvew jew sabu xi alternattiva mal-linja tal-ajru Taljana.
Dan hekk kif l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA, ma daħlitilha l-ebda talba għall-għajnuna jew informazzjoni mindu l-Alitalia ħabbret li se tagħlaq darba għal dejjem.
Fil-fatt, l-Alitalia ħassret kull titjira skedata wara l-ħmistax t’Ottubru li ġej wara li kienet kostretta tagħlaq frott problemi finanzjarji kbar, li ħadu d-daqqa tal-mewt bil-pandemija.
Id-Direttur għall-Informazzjoni, l-Edukazzjoni u r-Riċerka fl-Uffiċċju tal-Konsumatur tal-MCCAA, Odette Vella, spjegat ma’ dan l-istazzjon li l-fatt li ma sarux talbiet għall-għajnuna ma jfissirx li m’hemmx klijenti milquta jew li kellhom biljetti maqtugħa wara d-data msemmija.
Hija spjegat id-drittijiet tal-klijenti f’każijiet bħal dawn: “Meta titjira tiġi kkanċellata, il-passiġġiera għandhom dritt għall-għażla bejn rifużjoni għall-flus lura tal-biljett li jkunu ħallsu jew inkella vjaġġ alternattiv għad-destinazzjoni tagħhom jew destinazzjoni oħra li jagħżlu. Jidher ċar li l-linja tal-ajru kkonċernata offriet din l-għażla lill-passiġġiera li kellhom it-titjiriet magħha wara l-ħmistax t’Ottubru u tathom ukoll linja gwida ċari kif għandhom jieħdu dak ir-rimedju kif stipulat f’dawn ir-regolamenti.”
Il-Gvern Taljan ħoloq fond ta’ mitt miljun ewro biex il-linja tal-ajru trodd il-flus li nefqu n-nies biex jirċievu servizz mil-linja tal-ajru.
Minkejja dan, min ma jasalx għal ftehim mal-linja tal-ajru jew ma jafx x’għandu jagħmel, jista’ jagħmel kuntatt mal-Awtorità Maltija biex dan il-proċess ikun iffaċilitat.
Vella sostniet: “Jekk għandhom xi diffikultà biex jikkomunikaw mal-linja tal-ajru, jiġifieri ppruvaw isegwu l-linji gwida li tkun ipprovdiet il-linja tal-ajru imma ma jirnexxielhomx jikkomunikaw, jistgħu dejjem jikkuntattjaw l-Awtorità, jagħtuna d-dettalji tal-każ u aħna min-naħa tagħna nikkomunikaw mal-linja tal-ajru biex ngħinuhom jieħdu rimedju skont il-liġijiet ikkonċernati.”