Minn nhar it-Tnejn li ġej, se jibdew isiru attivitajiet żgħar u kkontrollati.
Fost l-attivitajiet li jistgħu jsiru hemm dawk kulturali, attivitajiet bħal konferenzi u attivitajiet sportivi.
Dawk li se jorganizaw iridu jimlew formula tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u din il-formula tista’ titbagħa fuq riskdepository@visitmalta.com, minn tal-inqas għaxart ijiem qabel l-attività.
Dawk li jattendu l-attività għandhom jirreġistraw minn qabel u għandhom jidħlu dawk biss li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin.
L-ismijiet ta’ dawk li jidħlu għal din l-attività għandhom jinżammu mill-organizzatur, sa 28 jum wara li ssir l-attività.
In-numru ta’ dawk li se jitħallew jidħlu fl-attività għandhom ikunu persuna għal kull erba’ metri kwadri.
Minn nhar it-Tnejn 5 ta’ Lulju, in-numru ta’ dawk permess huwa 100 persuna, mid-19 ta’ Lulju n-numru se jitla’ għal 150 waqt li mit-2 ta’ Awwissu, il-massimu ta’ dawk li jistgħu jidħlu huwa ta’ 200 persuna.
Id-dħul u ħruġ tal-attività għandhom ikunu f’post differenti, sabiex in-nies ma jinġabrux fl-istess post.
L-attività għandha tkun mingħajr intermissjoni, filwaqt li l-ikel għandu jingħata fuq il-mejda stess, li fuqhom irid ikun hemm massimu ta’ sitt persuni.
Dawk li jidħlu għall-attività trid tittieħdilhom it-temperatura u jridu jibqgħu bil-maskra, waqt li jneħħuha meta jkunu qed jieklu u jixorbu.
Dawn l-attivitajiet ma jistgħux isiru fi djar residenzjali.