Minkejja li għall-maġġoranza tan-nies, Jum il-Milied huwa jum ta’ ikel u ħin ta’ kwalità mal-familji, għal oħrajn huwa jum normali ta’ xogħol u servizz f’każ li tinqala’ xi emerġenza jew inċident fil-pajjiż.
Ftit qabel it-tokki ta’ nofsinhar, ONE News żar l-istazzjon tat-tifi tan-nar ta’ Kordin, fejn kien hemm numru ta’ uffiċjali għaddejjin bil-ġurnata tax-xogħol tagħhom.
L-istation officer Joseph Schembri spjegalna li llum għalihom huwa jum ta’ xogħol bħall-oħrajn.
“Hawnhekk filgħodu jinbidel ix-shift fis-sebgħa neqsin kwart imbagħad jibdew jagħmlu d-daily checks tal-vetturi. Niċċekkjaw il-vetturi kollha. Wara li naraw li kollox sew, jinħaslu l-quarters u tara xi jkun hemm bħala daily duties xi jkun hemm bżonn. Issa bħal-lum peress li llum il-Milied bħala festa niċċelebrawha bejnietna u bħal-lum insajru daqsxejn għal nofsinhar u niċċelebraw bejnietna bħala familja hawnhekk.”
Fil-fatt, tradizzjoni tal-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li jkunu xogħol fil-Milied, hija li jsajru l-ikla ta’ nofsinhar flimkien.
Gareth Bonnici, il-Leading Assistant Rescue Officer ta’ Kordin, ħa ħsieb it-tisjir.
“Illum għamilna daqsxejn ikla naqra iktar speċjali peress li l-Milied u qegħdin miġburin hawnhekk u ddeċidejna li nagħmlu ftit laħam fuq il-BBQ, għandna naqra patata, naqra salad, u nippruvaw la t-temp jippermetti, insajru fuq il-BBQ.”
Il-ġurnata tax-xogħol ta’ dawn l-uffiċjali bdiet fis-sebgħa ta’ filgħodu f’Jum il-Milied u tintemm fis-sebgħa ta’ filgħodu tas-sitta u għoxrin ta’ Diċembru.
Għaldaqstant, dawn iqattgħu jum ’il bogħod mill-familja tagħhom.
“Għalina llum hija ġurnata normali bħall-oħrajn. L-unika differenza li niċċelebraw daqsxejn il-Milied peress li mhux qegħdin mal-familji tagħna u qegħdin ix-xogħol norganizzaw daqsxejn l-ikla tal-Milied.”
Lil hinn mit-tħejjijiet tal-ikla ta’ nofsinhar, dawn l-uffiċjali dejjem ikunu lesti biex malli tidħol telefonata ta’ inċident jew emerġenza, iħallu kollox minn idejhom u jagħtu servizz lill-poplu f’mumenti ta’ bżonn.
“Aħna hawnhekk qegħdin dejjem standby, m’hemmx ħin l-ikel, trid toħroġ xorta.”