Mit-3 ta’ Lulju ser jerġgħu jirritornaw ħinijiet allokati kuljum għal żjarat mill-qraba fid-djar tal-anzjani u San Vincenz de Paul. Dan ħabbru l-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia li spjega kif ser ikun hemm siegħa filgħodu u siegħa u nofs oħra waranofsinhar allokati mir-residenzi għaż-żjarat. Spjega kif l-anzjan jista’ jkollu sa żewġ viżitaturi f’kull kamra la darba kemm huma u kemm l-anzjan ikunu mlaqqmin.
Filwaqt li l-ilbies tal-maskla ser jibqa’ mandatorju ġie spjegat kif m’hu ser ikun hemm l-ebda tibdil fir-restrizzjonijiet għal dawk il-persuni li ma jkunux imlaqqmin.
Mid-19 ta’ Lulju imbagħad l-anzjani ser jerġgħu jibdew jitħallew joħorġu barra waħedhom. Dan filwaqt li ser jinfetħu mill-ġdid in-night shelters u ser jitneħħew ir-restrizzjonijiet lill-anzjani li jistgħu jattendu d-‘day centres’.
Il-Ministru Michael Farrugia spjega kif il-bilanċ dejjem kien prinċipju importanti kull meta kellhom jittieħdu deċiżjonijiet dwar ir-rilaxx tal-miżuri fid-djar tal-anzjani.
Huwa stqarr: “Kien hemm erba’ darbiet li rrilaxxajna r-restrizzjonijiet, kull pass illi għamilna wera li ma kien hemm l-ebda impatt negattiv u allura issa stajna nmorru għall-ħames rilaxx tar-restrizzjonijiet fejn allura nagħtu l-opportunità lill-anzjani li kważi nistgħu ngħidu sa nofs dan ix-xahar jkunu kważi waslu biex jgħixu ħajja kompletament normali fid-djar tal-anzjani, kif ukoll ġewwa San Vinċenz.”
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Farrugia spjega kif fil-vaccination hub tal-Awtorità tal-Istandards dwar il-Ħarsien Soċjali ngħataw 26,255 tilqima.
Spjega kif b’kollox ingħataw total ta’ 25,760 tilqima tal-Pfizer.
Spjega wkoll kif b’kollox ingħataw total ta’ 495 tilqima tal-AstraZeneca.