Matul il-ġurnata tas-Sibt it-tim nazzjonali Malti jilgħab logħba oħra ta’ kwalifikazzjoni mill-Kampjonati Ewropej 2020 meta fl-istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali jilqa’ l-qawwa tal-Iżvezja, logħba oħra li hija valida minn Grupp F.
F’din il-kompetizzjoni t-tim Malti diġà lagħab kontra Żvezja barra minn xtutna fejn dakinhar tilef 3 – 0.
Bi preparazzjoni għal dan il-konfront, is-Sibt ser jerġa’ jsir il-Fanzone ftit metri ‘l bogħod mill-istess Stadium Nazzjonali, fejn bosta partitarji Maltin u anke Żvediżi mistennija li jiltaqgħu f’atmosfera mill-aqwa qabel l-imsemmija partita. Fil-fatt dan l-ispazju mistenni li jinbidel f’villaġġ żgħir b’ikel u xorb għal kulħadd akkumpanjat minn atmosfera mill-aqwa ta’ wieħed mill-aqwa deejays lokali Ziggy. Ser jintremgħu wkoll numru ta’ settijiet kbar tat-televiżjoni fejn fost l-oħrajn ser tintwera l-logħba mill-stess grupp bejn l-Gżejjer Faroe u r-Rumanija, logħba li tibda fis-6:00 ta’ filgħaxija.
Il-Fanzone mistenni li jiftaħ fit-3:00 ta’ waranofsinhar ‘il quddiem fejn għalih mistennija li jmorru numru sabiħ ta’ partitarji Maltin fosthom anke dawk tas-Southend core.
Malta kontra Żvezja ser tkun s-seba’ logħba tat-tim nazzjonali Malti f’din il-fażi ta’ kwalifikazzjoni fejn fl-ewwel sitt ħarġiet Malta rebħet darba u tilfet il-bqija.