Għal ħafna, l-ewwel jum tas-sena huwa okkażjoni oħra għal ħin ta’ kwalità mal-familja.
Għall-forzi tal-ordni f’pajjiżna, l-Ewwel tas-Sena huwa jum tax-xogħol bħall-oħrajn.
Is-Sibt filgħodu, ftit qabel l-ikla ta’ nofsinhar, żorna l-istazzjon tat-tifi tan-nar f’Kordin, fejn sibna lill-Istation Officer, Timothy Willie flimkien mal-kollegi tiegħu jnaddfu l-ħut u jqattgħu l-ħaxix.
Huwa qalilna li fil-festi, dejjem isibu uffiċjal dilettant tal-kċina li jgħin fit-tisjir.
Qal, “Dan jipprepara għall-ikla ta’ nofsinhar u llum l-Ewwel tas-Sena tkun xi ħaġa iktar speċjali, jiġifieri flok platt għaġin naħseb ħa nagħmlu xi ħut illum u ovvjament hawnhekk it-tieni familja tagħna. Għalkemm inkunu qegħdin ’il bogħod mill-familja, fuq il-post tax-xogħol tagħna għandna familja oħra, niltaqgħu fuq mejda jiġifieri dak għalina huwa kruċjali li nkunu flimkien ma’ mejda tal-ikel u nieklu bejnietna u ovvjament imbagħad ikompli x-xogħol tagħna. Biss, ma kinitx l-ewwel darba li ħallejna l-ikel fuq l-imwejjed tagħna u ħriġna biex nassistu f’każijiet ta’ emerġenza.”
Spjegalna li f’każ ta’ emerġenza, it-telefonata tidħol fil-control room f’Ta’ Kandja, fejn imbagħad jiġu stazzjoni l-uffiċjali mill-eqreb stazzjon fejn ikun seħħ il-każ.
Spjega, “Aħna qegħdin ġol-istazzjon ta’ Kordin jiġifieri jekk għall-argument għandna inċident il-Marsa, dan mhux se jaqla’ n-nies tax-Xemxija, ovvjament ħa jaqla’ n-nies ta’ Kordin ħalla aħna kemm jista’ jkun nagħtu servizz effiċjenti.”
Fortunatament, f’dan il-perjodu ta’ festi, l-uffiċjali f’dan id-Dipartiment ma ġewx imsejħa għal inċidenti serji.
Dan huwa riżultat tal-pandemija, li kawża tagħha tħassru ħafna avvenimenti u bosta għażlu li jibqgħu d-dar.
Qal, “Dawn l-aħħar sena u nofs ħa ngħid hekk, ix-xogħol speċjalment inċidenti tat-traffiku, naqsu drastikament ħabba l-pandemija, l-events reġgħu waqfu, allura ma tantx kellna dik id-domanda li aħna noħorġu nassistu fuq inċidenti. Biss mhux qed ngħid ma kellniex, kellna inċidenti tat-traffiku, però mhux bħas-soltu.”